• Title
  • Il-bank tal-UE jindirizza d-distakki fl-investiment fl-innovazzjoni u l-iżvilupp

  • Long Title
  • Il-bank tal-UE jindirizza d-distakki fl-investiment fl-innovazzjoni u l-iżvilupp

  • Banner Title

  • Id photos without linguistic version
  • d8df7341-c836-4589-b387-7481bffa9231
    10f75bbd-3136-4efa-b8fc-1a33057d8cab
    197e927c-f2d7-4a6d-b896-a0e8c9b765f9
    7e856bd8-6299-49ed-afa6-f88910075987
    315c872f-74e5-4aa4-9d88-6e995bec492b
    78a66a44-75b5-4587-bffe-73d50bd40017
    f635efa9-58c3-4b07-824e-6eb81fd206a3

  • Collection

  • Summary
  • “Sa minn meta ġie stabbilit fl-1958, il-Bank tal-UE, li jiċċelebra s-60 anniversarju tiegħu din is-sena, investa aktar minn triljun euro abbażi ta’ kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-Istati Membri ta’ 14-il biljun euro biss,” qal illum il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment Werner Hoyer.


  • Article
    • Numru rekord ta’ 901 proġett approvati fl-2017, żieda ta’ 15% meta mqabbel mal-2016
    • Aktar minn 78 biljun euro għall-infrastruttura, l-innovazzjoni, l-ambjent u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju
    • Il-President Hoyer jipproponi riorganizzazzjoni biex tiżdied l-effiċjenza fil-finanzi għall-iżvilupp

    “Sa minn meta ġie stabbilit fl-1958, il-Bank tal-UE, li jiċċelebra s-60 anniversarju tiegħu din is-sena, investa aktar minn triljun euro abbażi ta’ kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-Istati Membri ta’ 14-il biljun euro biss,” qal illum il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment Werner Hoyer.

    “Din hija biċċa negozju eċċellenti għall-Ewropej. Dak it-triljun attira investiment ieħor mis-settur privat, u b’hekk iġġenera investiment totali ta’ aktar minn tliet triljun euro. Dawn il-flus kollha marru biex jagħmlu l-Ewropa aktar miftuħa, kompetittiva, koeżiva u ġusta, u biex nagħmlu l-parti tagħna għall-iżvilupp globali matul id-deċennji”, stqarr Hoyer fil-konferenza stampa annwali tal-Grupp tal-BEI fi Brussell. “60 sena wara li twaqqaf, il-missjoni tal-bank tal-UE biex jinvesti fi proġetti vijabbli madwar l-Ewropa u madwar id-dinja, b’enfasi fuq fejn l-investiment huwa l-aktar meħtieġ, hija aktar rilevanti minn qatt qabel. Iżda ma nistrieħux fuq dak li ksibna u nkomplu naħdmu bla heda biex inżidu l-impatt tagħna”, huwa kompla jgħid.

    Il-bank tal-UE jaħdem ukoll kontinwament biex itejjeb il-governanza tiegħu. Din il-ġimgħa, ġie approvat l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Dan jirrifletti l-impenn tal-Grupp tal-BEI biex jappoġġa d-drittijiet tat-tfajliet u n-nisa u l-inklużjoni finanzjarja tagħhom fl-attivitajiet tal-BEI fl-Ewropa u lil hinn minnha.

    Fl-2017, il-bank tal-UE:

    • approva numru rekord ta’ 901 proġett, li jappoġġaw il-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, irawmu l-innovazzjoni, jipproteġu l-ambjent u jgħinu biex tinbena infrastruttura kruċjali;
    • ipprovda 78.16 biljun euro biex jgħin sabiex jinkisbu l-miri tal-politika tal-UE fl-Ewropa u madwar id-dinja, biex b'hekk appoġġa investiment totali ta’ madwar 250 biljun euro billi attira l-kapital privat.

    Distakk fit-tkabbir kapitali

    In-numru rekord ta’ proġetti jirrifletti enfasi aktar b’saħħitha fuq tranżazzjonijiet iżgħar u appoġġ dejjem akbar għall-kumpaniji innovattivi sabiex jingħataw l-għajnuna biex jikbru. Il-bank tal-UE qiegħed jgħin sabiex tiżdied il-kompetittività tal-kontinent, u dan billi jimla d-distakk fis-suq Ewropew għat-tkabbir kapitali. Fl-2017, kważi 30 biljun euro ta’ finanzjament marru għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju u kważi 14-il biljun għall-innovazzjoni. Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), bħala parti mill-Grupp tal-BEI, għandu rwol kruċjali f’dan il-qasam bħala l-ikbar sors individwali ta’ kapital ta’ riskju fl-Ewropa. Il-FEI impenja 9.34 biljun euro ta’ finanzjament is-sena li għaddiet.

    Il-Grupp tal-BEI kien qiegħed iżid ukoll is-servizzi tiegħu ta’ konsulenza mmirati lejn l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ proġetti tajbin għall-investiment. Sa tmiem l-2017, il-ħidma ta’ konsulenza tagħna li tinsab għaddejja għandha l-potenzjal li tiġġenera investiment ġdid ta’ 40 biljun euro. “L-ispeċjalisti tagħna jinsabu għaddejjin b’din il-ħidma l-aktar fil-pajjiżi ta’ koeżjoni, sabiex b'hekk inkunu nistgħu nilħqu firxa usa’ ta’ kumpaniji u entitajiet pubbliċi li għandhom bżonn l-għajnuna sabiex il-proġetti tagħhom ikunu jistgħu jiksbu l-appoġġ tal-banek,” qal Hoyer.

    Inwettqu l-Pjan Juncker

    Il-Bank tal-UE daħal għal investimenti aktar riskjużi, billi uża l-baġit tal-UE u l-fondi proprji tal-BEI taħt il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), faċilità ta’ garanzija amministrata mill-Grupp tal-BEI, biex b'hekk naqqas ir-riskju għall-investituri privati u indirizza n-nuqqas ta’ ħeġġa ta’ investiment li kienet ħakmet l-ekonomija Ewropea matul il-kriżi finanzjarja. Sa tmiem l-2017, l-FEIS, id-drigħ finanzjarju tal-Pjan Juncker, kien immobilizza investiment ta’ 257 biljun euro. Dan ifisser li l-FEIS jinsab fit-triq it-tajba biex jikseb investiment ta’ 315 biljun euro fuq il-bażi ta’ garanzija ta’ 21 biljun.

    “L-FEIS huwa eżempju tajjeb ħafna ta’ dak li jista’ jagħmel il-bank tal-UE biex jgħin lir-riżorsi pubbliċi skarsi jiksbu aktar”, qal il-President Hoyer. “Dan juri li l-bidla minn għotjiet għal sussidji għal selfiet u garanziji tista’ tkun għodda politika qawwija. Aħna nilqgħu l-estensjoni tal-Pjan Juncker approvata aktar kmieni din is-sena. Fuq il-bażi tal-lezzjonijiet li tgħallimna matul dan il-perjodu u t-track record b'saħħtu li għandna, aħna offrejna li nerfgħu aktar responsabbiltà taħt il-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE ta’ wara l-2020.”

    Inżidu l-impatt tal-finanzi għall-iżvilupp

    Il-finanzi għall-iżvilupp jistgħu jibbenefikaw minn bidla paradigmatika simili minn għotjiet u sussidji għal selfiet u garanziji. Il-BEI għandu esperjenza unika fl-attrazzjoni tal-investiment privat. “Aħna bdejna diskussjonijiet mal-azzjonisti tagħna, l-Istati Membri tal-UE, u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-iggruppar tal-attivitajiet tagħna ta’ finanzi għall-iżvilupp fi struttura apposta fi ħdan il-Grupp sabiex il-politika ta’ żvilupp tal-UE titwettaq b’mod aktar effiċjenti”, qal il-President Hoyer.

    “Irridu ntejbu l-impatt tagħna u niżguraw li nibdew nissieħbu aħjar ma’ ħaddieħor”, qal il-President Hoyer. “M'hemmx biżżejjed flus pubbliċi fid-dinja biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-iżvilupp globali. L-uniku mod biex niffinanzjaw il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli huwa billi nikkatalizzaw l-investimenti privati,” huwa żied jgħid.

    “Il-multilateraliżmu ġie kkritikat u attakkat dan l-aħħar. Il-bank tal-UE jibqa’ impenjat lejn il-kooperazzjoni internazzjonali u multilaterali. Ħadd mhuwa aktar b'saħħtu waħdu. F’dinja interkonnessa, ikun assurd li wieħed jaħseb li nistgħu niksbu suċċess fil-kisba tal-iżvilupp globali u l-prosperità jekk ma naħdmux flimkien”, huwa żied jgħid.

    Il-Bank tal-UE huwa diġà wieħed mill-aktar banek ta’ żvilupp multilaterali: fl-2017, huwa investa kważi tmien biljun euro, għaxra fil-mija tal-volum ta’ finanzjament tiegħu, fi proġetti barra mill-UE.

    Nindirizzaw it-tibdil fil-klima

    Żewġ oqsma importanti tal-investiment tiegħu barra mill-UE huma t-tibdil fil-klima u r-reżiljenza ekonomika. Il-bank tal-UE huwa l-akbar finanzjatur individwali fuq livell multilaterali ta’ proġetti biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u biex jittaffew l-effetti ta’ din it-theddida globali li nħolqot mill-bniedem. Fl-2017, huwa investa 19-il biljun euro għal din il-kawża, aktar minn 27 fil-mija tal-finanzjament totali tiegħu. Huwa jibqa’ jżomm mal-wiegħda tiegħu li jinvesti 100 biljun euro f’dan il-qasam matul il-perjodu 2016-2020.

    “Il-BEI huwa l-akbar finanzjatur multilaterali fid-dinja ta’ proġetti għall-azzjoni klimatika, u ninsabu kburin li nkomplu nkunu hekk. Diċembru li għadda, fil-One Planet Summit li ssejjaħ mill-President Macron, aħna ħabbarna s-sħubija tagħna mal-Konvenzjoni Dinjija tas-Sindki, kopreseduta minn Michael Bloomberg u mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič,” qal Hoyer. “Is-sħubija hija eżempju ta’ kooperazzjoni multilaterali u azzjoni klimatika, fil-konfront tal-politika pubblika li xi kultant tinsab sejra fid-direzzjoni opposta.”

    Ngħinu sabiex tiġi indirizzata l-migrazzjoni

    Fuq talba tal-UE, fi tmiem l-2016 il-Bank nieda l-Inizjattiva tar-Reżiljenza Ekonomika, bil-għan li jipprovdi sitt biljun euro f’investiment addizzjonali fil-Viċinat ta’ Nofsinhar tal-UE u fil-Balkani tal-Punent.

    “Minn perspettiva umanitarja kif ukoll ekonomika, l-aqwa soluzzjoni hija li ninvestu biex intejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies, sabiex noħolqu tama u nnaqqsu l-pressjoni fuqhom biex jitilqu minn djarhom”, qal Hoyer.

    Wara sena, il-BEI laħaq 25 fil-mija tal-volum addizzjonali ta’ sitt biljun euro, kif immirat. Investiment addizzjonali fir-reġjun ser jgħin biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u jittaffew il-kawżi u l-konsegenzi tal-migrazzjoni. Aktar minn nofs il-finanzjament imur lejn is-settur privat, b’appoġġ għall-impjiegi f’kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju.   

    Tnedija ta’ strumenti ġodda fil-finanzjament 

    Il-Grupp tal-BEI mhux biss huwa l-aktar sellief multilaterali, iżda wkoll l-akbar mutwatarju multilaterali fid-dinja kollha. Huwa jiffinanzja lilu nnifsu, bl-attivitajiet tat-tislif tiegħu ffinanzjati primarjament permezz tal-ħruġ ta' bonds fi swieq kapitali internazzjonali. Il-Bank irnexxielu jiġġenera 56.4 biljun euro minn investituri madwar id-dinja s-sena li għaddiet. Għaxar snin wara li tnedew l-ewwel Bonds Ekoloġiċi, aħna nibqgħu l-akbar emittent, b'aktar minn 20 biljun euro ġġenerati għal proġetti għall-klima sa mill-2007.

    B’segwitu għas-suċċess tal-Bonds Ekoloġiċi, il-Bank tal-UE qiegħed jikkunsidra li jintroduċi tipi ġodda ta’ bonds marbuta mal-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, bil-għan li jattira aktar kapital privat lejn proġetti f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

    Press conference documents

    Useful links:


  • Central Box

  • Sub Article

  • Right column

  • Related Documents
  • Last modified-on: 10-04-2018